Malta toffri lill-gastronomi għażla enormi ta' ristoranti, li jservu minn kolazzjon sal-ikla ta' nofsinhar, l-ikla prinċipali ta' filgħaxija sa ikel ħafif li jittiekel fit-tard, sabiex b'hekk żgur tista' tiġi ssodisfata kull kilba għall-ikel.
Il-bajja ta' Spinola, li tinsab f'San Ġiljan, hija l-post fejn għandek tmur għal ikla ħut frisk u veduti inkredibbli. Il-bajja hija waħda mill-aktar pittoreski f'Malta u l-biċċa l-kbira tar-ristoranti f'din iż-żona huma ffollati madwarha b'tali mod li jiggarantixxu veduti spettakolari. Hawnhekk ser issib ikel tipiku minn madwar id-dinja, iżda l-aktar tip ta' ristorant popolari żgur huwa dak Mediterranju, li jispeċjalizza fil-frott tal-baħar u l-ħut frisk.
Il-Belt Valletta hija ppakkjata b'ristoranti attraenti, li ħafna minnhom jinsabu f'uħud mill-isbaħ binjiet fuq il-gżira. Il-bereġ antiki u d-djar kbar, qodma u sbieħ huma abbundanti f'din il-belt storika. Il-Belt Valletta hija l-aktar populari matul il-ġurnata, għalhekk jekk trid tmur xi mkien fejn ikollhom ċans tirrilassa u tosserva n-nies għaddejjin, żur Caffe Cordina fi triq ir-Repubblika wara nofsinhar. Għal ċena aktar romantika tard filgħaxija, mur f'wieħed mill-ħafna ristoranti li hemm fit-toroq sekondarji – ser issib għażla varjata għall-but ta' kulħadd u l-ikel kreattiv u oriġinali huwa l-ordni tal-ġurnata. Il-pjazza ta' San Ġorġ, faċċata tal-Armerija tal-Palazz, toffri l-veduta ideali minn fuq il-mejda fejn tkun qiegħed, bil-funtani tal-ilma sinkronizzati mal-mużika kull siegħa.
Minbarra l-ħafna destinazzjonijiet mal-baħar fejn il-ħut frisk huwa l-ordni tal-ġurnata, bħall-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, Marsaxlokk, Marsascala u Wied iż-Żurrieq, fiċ-ċentru tal-pajjiż hemm ukoll għadd kbir ta' ristoranti li tista' tesplora. Żur l-Imdina għal uħud mill-aktar ristoranti intimi u romantiċi fil-gżira. Fil-fatt, il-mixja li twasslek saċ-ċena tiegħek minn qalb it-toroq iċċangati u siekta tal-Imdina, li tgħaddik minn qalb l-aktar arkitettura affaxxinanti u ppriservata, hija kważi kważi pjaċevoli daqs l-ikla nnifisha!
U jekk issib ruħek fuq il-gżira oħt Malta ta' Għawdex, hemmhekk ukoll issib abbundanza ta' ristoranti eċċellenti. Il-vapur li jaqsam il-fliegu jidħol fil-port tal-Imġarr, fejn għandek ħafna ristoranti tajbin minn fejn tagħżel. L-abitanti tal-lokal ta' spiss jintefgħu jieklu ikliet ħfief waqt li jkunu qegħdin jistennew il-vapur li jmiss lejn Malta. Għal uħud mill-aktar ristoranti magħrufa f'Għawdex, żur il-belt Victoria, fejn il-pjazza prinċipali hija mdawra b'ristoranti mill-aqwa. Jekk tippreferi tiekol ħdejn il-baħar, żur il-bajja tax-Xlendi bix-xenarju drammatiku tagħha u r-ristoranti mperrċa fil-għoli fuq il-baħar; jew Marsalforn, bl-atmosfera mill-aktar rilassanti tiegħu, li tagħmlu l-post favorit mal-Maltin u l-Għawdxin matul l-istaġun tas-sajf.