
Il-Malti huwa mitkellem mill-maġġoranza tan-nies tal-lokal
Huwa interessanti li nirrikonoxxu kif l-ilsien Malti huwa sors qawwi ta' kburija għal ħafna Maltin. Il-fatt li dan in-nazzjon hekk ċkejken b'400,000 abitant biss kellu l-lingwa unika tiegħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ, minkejja l-ħafna influwenzi lingwistiċi qawwija li kellha madwarha, huwa prova mill-aqwa tal-elastiċità kulturali ta' dan in-nazzjon. Mas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Malti sar lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, pass li kompla jiżgura l-eżistenza tiegħu fit-tul għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Għal dawk li mhumiex intiżi, il-Malti jinstema' simili għall-Għarbi. Dan minħabba li, bħala lingwa Semitika, l-għeruq tiegħu huma bbażati fuq l-Għarbi – fil-fatt, il-lingwa Maltija hija l-unika lingwa Semitika li hija rikonoxxuta kif xieraq bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kuntrarju għall-Għarbi, il-Malti jinkiteb bl-alfabett Latin u jinqara mix-xellug għal-lemin. Huwa jinkludi wkoll għadd kbir ta' kliem li ġej mit-Taljan u mill-Ingliż.
Kif wieħed jista' jistenna minn lingwa uffiċjali ta' nazzjon, il-Malti huwa preżenti f'kull roqgħa tal-gżejjer u mitkellem mill-maġġoranza tal-Maltin. Huwa jintuża wkoll fl-iskejjel, fix-xandir u fil-ġurnaliżmu stampat, fil-politika u fil-qrati tal-ġustizzja. Madankollu, minħabba li fil-passat din il-gżira kienet kolonja Brittanika, l-Ingliż, flimkien mal-Malti, igawdi l-istatus ta' lingwa uffiċjali u jidher miktub fuq is-sinjali, fil-menus tar-ristoranti u fid-dokumenti uffiċjali, li ġeneralment ikunu jinkludu ż-żewġ lingwi.
Filwaqt li xi edukaturi u studjużi tal-Malti jemmnu li l-lingwa tinsab taħt theddida, minħabba l-għadd ġmielu ta' kliem ġdid u misluf minn lingwi barranin li qiegħed jintegra u jsir parti mid-diskors ta' kuljum b'mod regolari, oħrajn jaraw dan il-fenomenu bħala sinjal ta' lingwa ħajja u f'saħħitha.
.