
Is-Salib ta' Malta
Minkejja li l-popolazzjoni Maltija tidher li hija waħda omoġenja, l-identità nazzjonali hija waħda multidimensjonali, influwenzata kif inhi mill-istorja, ir-reliġjon, il-baħar li jdawwarha, il-lingwa unika tagħha, il-politika li tifred u fl-istess ħin tgħaqqad, kif ukoll iż-żgħażagħ moħħhom miftuħ u ottimisti tal-lum; dawn kollha jagħmlu lil Malta u l-Maltin affaxxinanti daqskemm huma uniċi.
L-Istorja: L-identità kollettiva ta' poplu tissawwar mill-istorja tiegħu u l-Maltin mhumiex eċċezzjoni. Fil-fatt, wieħed jista' tabilħaqq isostni li fuq din il-gżira daqstant żgħira, li hija ffollata bl-arti, bil-kultura u bi fdalijiet ta' żminijiet twal ilu ma' kull kantuniera, il-Maltin jgħixu u jesperjenzaw l-istorja tagħhom ma' kull nifs li jieħdu. Dan is-sens ta' qrubija mal-imgħoddi għaġen nazzjon ta' nies li, b'mod ġenerali, huma aktar minn ħerqana sabiex jaqsmu kull nitfa tagħrif interessanti li jafu dwar pajjiżhom. Sib persuna Maltija u staqsiha dwar l-assedju tal-1565 u tara għajnejha jixegħlu waqt li tkun qiegħda tirrakkontalek dwar il-kavallieri li, minkejja li kienu ferm inqas fin-numru mill-għedewwa, irnexxielhom jiddefendu lil din l-art bl-aktar mod qalbieni. Mit-tfal tal-iskola li jirrakkontaw iż-żjara tagħhom fl-Ipoġew sal-anzjani li esperjenzaw l-effetti qerrieda tal-attakki tal-bombi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-istorja u l-preistorja tan-nazzjon għandhom preżenza evidenti fl-identità tiegħu.
Ir-Reliġjon: Malta hija pajjiż fil-biċċa l-kbira tiegħu Kattoliku, u ħafna mill-attivitajiet fil-kalendarju annwali tiegħu jduru madwar festi u ċelebrazzjonijiet speċjali. Dawn l-avvenimenti jittieħdu b'serjetà kbira u r-rivalitajiet li jeżistu bejn l-irħula ġirien iġibu magħhom eċċitament qawwi fis-sajf - il-qofol tal-istaġun tal-festa. Għalkemm in-numru ta' nies li jmorru l-knisja b'mod regolari qiegħed jonqos, il-maġġoranza tal-Maltin xorta għadhom jieħdu t-twemmin tagħhom bis-serjetà. Sagramenti bħall-magħmudija, l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-Isqof normalment jiġu ċċelebrati b'entużjażmu - ġeneralment fil-forma ta' festin organizzat mill-ġenituri tat-tfal fejn l-ikel u x-xorb żgur ma jonqsu qatt.
Il-Lingwa: Bir-raġun kollu, il-Maltin huma kburin bil-lingwa tagħhom. Din il-lingwa Semitika hija l-unika waħda tax-xorta tagħha li hija rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Matul l-istorja tagħha, id-diversi ħakkiema li kkolonizzaw din il-gżira mhux biss ma qerdux din il-lingwa unika, iżda tabilħaqq servew biex ikomplu jarrikkixxuha bl-influwenzi lingwistiċi tagħhom. Fil-fatt, wieħed jista' jidentifika kliem li ġej mill-Ingliż, mit-Taljan u mill-Franċiż, li jkompli jseddaq il-lingwa b'għeruq Għarab. Filwaqt li l-Malti u l-Ingliż huma t-tnejn speċifikati fil-Kostituzzjoni bħala lingwi uffiċjali, huwa l-Malti li jintuża l-aktar fil-ħajja ta' kuljum u f'materji aktar uffiċjali tal-Istat. Madankollu, il-Maltin jiftaħru li huma poplu verament bilingwi.
Id-Dijaspora: Il-komunitajiet Maltin jinstabu f'kull rokna tad-dinja; bl-akbar konċentrazzjonijiet jinsabu fl-Awstralja, fir-Renju Unit, fil-Kanada u fl-Istati Uniti. L-għadd ta' Maltin li jfittxu prospetti ekonomiċi aħjar barra l-pajjiż naqas b'mod sinjifikanti wara l-Indipendenza fl-1964. Madankollu, wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, il-Gżira reġgħet bdiet tesperjenza l-emigrazzjoni lejn pajjiżi li jinsabu fl-Unjoni Ewropea. L-emigranti Maltin għandhom it-tendenza li jibqgħu jżommu d-drawwiet u l-lingwa tagħhom, b'ħafna minnhom jerġgħu lura lejn art twelidhom wara għexieren ta' snin imsefrin.
Il-Politika: Il-Maltin huma nies passjonali ħafna – kemm jekk ikunu qegħdin jiċċelebraw il-festa lokali tal-qaddis tar-raħal tagħhom jew isegwu u jinkoraġġixxu lit-tim tal-futbol lokali tagħhom, xejn ma jsir mingħajr ħafna u ħafna entużjażmu. Din il-passjoni hija ċertament preżenti f'ossessjoni lokali oħra – il-politika. Possibbilment minħabba l-fatt li l-gżira kisbet l-indipendenza riċentament, ix-xena politika għadha polarizzata ħafna. Wara l-elezzjonijiet, it-toroq ta' Malta jaraw baħar ta' partitarji tal-partit rebbieħ jiċċelebraw fil-karozzi. Minkejja dan l-entużjażmu kbir li ġġib magħha l-politika, prattikament qatt ma jinstemgħu każijiet ta' inċidenti vjolenti, filwaqt li x-xena politika hija relattivament stabbli, speċjalment meta mqabbla ma' dik f'pajjiżi ġirien oħrajn fil-Mediterran, bħall-Italja u l-Greċja.