
Il-Bizzilla Maltija
It-tradizzjoni lokali tax-xogħol tal-bizzilla għadha ħajja u b'saħħitha f'Malta u Għawdex. Jekk tmur tagħmel mixja għall-kwiet tul it-toroq ta' kwalunkwe raħal żgħir f'Għawdex x'aktarx li tara n-nisa fuq l-għetiebi ta' djarhom mehdija f'din it-tradizzjoni sabiħa. Il-bizzilla ornamentali, li s-sengħa tagħha tmur lura għal żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann, kienet ġiet introdotta bħala aċċessorju tal-moda, bħala tiżjin għall-ilbies tan-nobbli u tal-aristokrazija. Il-Maltin malajr urew interess u ħila f'din is-sengħa u pproduċew eżempji fini ta' bizzilla, li ntużaw mill-klassi l-għolja u mill-membri tal-kleru. Bħal fi snajja' lokali oħrajn, l-ornament tas-salib ta' Malta żdied mal-bizzilla sabiex jagħtiha karattru Malti uniku.
Wara tnaqqis u qawmien sussegwenti tal-arti matul il-perjodu tal-ħakma Ingliża, ix-xogħol tal-bizzilla beda jiġi mfittex mill-Maltin ukoll, sabiex b'hekk kompliet tikber id-domanda. Illum, il-bizzilla Maltija hija kommodità ta' preġju għoli u eżempji aktar rari ta' din is-sengħa jġibu prezzijiet eċċellenti f'irkant.
Jekk ix-xogħol tal-bizzilla ma tantx jogħġbok, il-proċess ta' kif jinħadem xorta huwa wieħed affaxxinanti biex tarah. Jekk waqt iż-żjara tiegħek f'Għawdex ma tiltaqa' ma' ħadd li jkun qed jipprattika din is-sengħa, tista' żżur il-villaġġ tas-snajja' f'Ta' Qali fejn tista' tara din it-tradizzjoni sabiħa tinħadem quddiem għajnejk.