
Akkumpanjament bil-mużika
It-tradizzjoni tipika Maltija tal-Għana (ippronunzjata 'ana') tinvolvi kant u akkumpanjament bil-mużika. Din l-arti, li l-għeruq tagħha jmorru lura għal żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann, kienet tiġi pprattikata min-nisa waqt ix-xogħol tad-dar u mill-ħaddiema waqt li jkunu fuq ħidmiethom. Meta beda jgħaddi ż-żmien, din l-arti evolviet biex bdiet tinkludi restrizzjonijiet aktar formali ta' ritmu u rima, iżda xorta baqgħet assoċjata mal-klassijiet tal-ħaddiema. Illum il-ġurnata, l-Għana għadha tiġi pprattikata, iżda ma għadhiex tagħmel parti mill-ħajja ta' kuljum, tant li hija biss l-ispeċjalità ta' professjonisti li jiddevertu lill-kotra.
L-Għana tidher f'għadd ta' forom differenti, iżda l-aktar popolari fosthom hija magħrufa bħala Spirtu Pront (fi kliem ieħor, mingħajr preparazzjoni minn qabel). Dan il-format jinvolvi żewġ għannejja li jidħlu fi dwell liriku. L-għannejja jinbxu lil xulxin b'attakki ta' pika verbali filwaqt li jżommu ma' format stabbilit ta' rima u vers. Tipikament, din it-taqbida tal-għana tkun akkumpanjata minn grupp ta' kitarristi, bil-kitarrist ewlieni (jew Prim) ikollu okkażjoni sabiex juri l-ħila tiegħu permezz ta' solo bejn l-istanzi. Dan it-tip ta' Għana ħoloq numru ta' leġġendi lokali li baqgħu magħrufa għall-abbiltà tagħhom fl-għana u, daqstant ieħor importanti, fil-lirika improvviżata.