
L-arti tal-filugranu
L-arti tal-filugranu tmur lura għall-Eġittu tal-qedem u llum tinħadem madwar il-Mediterran u l-Ażja. Il-filugranu huwa arti delikata ta' ġojjellerija li tinvolvi l-użu ta' ħjut fini lewn id-deheb jew il-fidda, minsuġa flimkien sabiex jinħolqu ornamenti dekorattivi. B'differenza għal ħafna tipi oħrajn ta' ġojjellerija, il-filugranu huwa aktar apprezzat għall-ħila tal-artiġjan milli għall-materjal li jintuża. Aktar ma d-disinn ikun kumpless u dekorattiv, aktar ikollu valur l-oġġett.
Il-wirt ta' Malta fix-xogħol tal-filugranu jmur lura għal żmien il-Feniċi, li xerrdu din it-teknika madwar iż-żona tal-Mediterran u 'lil hinn minnha. Madankollu, l-artiġjani lokali għamluha tagħhom, bl-aktar ornament prominenti huwa s-salib bi tmien ponot. Dan is-simbolu ferm komuni jiġi f'varjazzjonijiet differenti, b'ġebel prezzjuż, deheb jew fidda jew mingħajrhom, u fuq ċpiepet, imsielet u brazzuletti.
Filwaqt li l-filugranu jista' jinxtara minn ħafna ħwienet tal-ġojjellerija madwar Malta u Għawdex, wieħed ma għandux jitlef l-esperjenza li jara l-filugranu jinħadem mill-artiġjani. Kemm jekk fil-Villaġġ tas-Snajja' f’Ta Qali, jew għand kwalunkwe ġojjellier li jkun lest jilqgħek b'korteżija, dan il-proċess delikat u affaxxinanti mhux ta' min jitilfu.
Filwaqt li l-bċejjeċ moderni b'diversi ornamenti, materjali u kwalità jagħmlu rigal eċċellenti, huma l-antikitajiet li jirrappreżentaw l-akbar valur. Jekk tkun ixxurtjat biżżejjed li tiltaqa' ma' dawn il-bċejjeċ rari, titlifx l-opportunità li takkwista biċċa mill-wirt Malti.