Newark

Newark
Newark, li hija l-qalb ta' New Jersey, hija l-akbar belt metropolitana tal-istat. Din il-belt, li tivvibra bit-talenti, bil-kultura u b'xena mfawra bl-arti tal-ispettaklu u bi strutturi sportivi, toffri firxa wiesgħa ta' għażliet għad-divertiment ta' dawk li jżuruha.
Għalkemm ta' spiss tiġi injorata minħabba l-qrubija tagħha mal-Belt ta' New York, Newark hija t-tielet l-eqdem waħda mill-bliet ewlenin tal-Istati Uniti. Hija tinsab 13-il mil biss fil-lbiċ tar-reġjun nofsani ta' Manhattan, għalhekk, dawk li jżuru New York jista' jkollhom aċċess faċli għaliha.
Ħafna jaqbdu l-ferrovija lejn l-Istazzjon Penn ta' Newark u mbagħad jimxu fid-direzzjoni tal-lvant lejn il-kafetteriji, il-ħwienet li jaħmu u jbiegħu l-ħobż, il-ħwienet tal-kafè, ir-ristoranti tal-familja u r-ristoranti kklassifikati mill-istħarriġ Zagat.
Bħala l-akbar belt fi New Jersey, Newark għandha ambjent kummerċjali li qiegħed jikber u li huwa minsuġ b'taħlita kbira ta' kultura, arti u xiri. Bħalissa, il-belt għaddejja minn proċess ta' qawmien mill-ġdid, billi qiegħda tippromwovi l-attrazzjonijiet tagħha, jiġifieri l-parks kbar, il-wirjiet tal-arti u bini sinjifikanti ieħor.
Ħafna mill-attrazzjonijiet prominenti jinsabu qrib ħafna ta' xulxin f'distanza qasira fiċ-ċentru tal-belt. Iċ-Ċentru tal-Arti tal-Ispettaklu NJ huwa post straordinarju fejn jittellgħu preżentazzjonijiet artistiċi u li jilqa' fih bosta spettakli nazzjonali u internazzjonali matul ix-xhur tal-kalendarju tiegħu.
Il-Prudential Center, arena ġdida li nbniet għat-tim rebbieħ tat-Tazza Stanley tal-NHL, NJ Devils, tospita wkoll għadd kbir ta' kunċerti u avvenimenti speċjali oħrajn.
Il-Mużew ta' Newark jilqa' fih planetarju spettakolari, dar kbira fl-istil Ballantin Vittorjan li ġiet irrestawrata, esebizzjonijiet tal-istorja naturali u ġabra estensiva ta' pitturi u skulturi mill-ifjen.
Iċ-ċentru tal-belt żamm ħafna mill-arkitettura mibnija fil-bidu tas-seklu, kif jidher f'bini bħall-appartamenti msejħa Eleven80. Ġawhra arkitettorali oħra hija l-bini gotiku tal-Cathedral Basilica of the Sacred Heart.
Kun żgur li tqatta' ftit tal-ħin tesplora d-Distrett ta' Ironbound, li huwa rinomat għall-ikel Portugiż, Brażiljan u Spanjol tiegħu.