Manchester

Manchester
Magħrufa bħala l-belt kapitali tat-tramuntana, Manchester kienet l-ewwel belt industrijali fid-dinja. Matul is-snin, din il-belt irnexxielha tevolvi b'suċċess sabiex saret belt vibranti b'divertiment eċċitanti u attiv ħafna matul il-lejl.
Filwaqt li tospita bosta opri arkitettoniċi ewlenin, inklużi l-Grade II listed Corn Exhange, is-Sala Muniċipali ta' Manchester u t-Torri ta' Beetham b'għoli ta' 49 sular, Manchester stabbilixxiet ruħha bħala waħda mill-aktar bliet moderni. Hawnhekk, tista' tivvjaġġa u tmur minn post għal ieħor mingħajr ebda diffikultà permezz tat-tramway tal-Metrolink elaborata tagħha, tant li diversi distretti bħall-Ġonna Piccadilly kollha jistgħu jintlaħqu faċilment.
Għal veduta panoramika tal-belt, itla' fuq il-Wheel of Manchester, l-ekwivalenti ta' Manchester tal-London Eye. Wieħed ma għandux jonqos milli jżur il-Librerija ta' John Rylands f'Deansgate. Meta tidħol hawnhekk aktar timmaġinak qisek dieħel f'katidral milli f'librerija. Barra minn hekk, tista' żżur ukoll il-Gallerija tal-Arti ta' Manchester mingħajr ħlas u tammira l-kollezzjoni kbira ta' biċċiet tal-arti Ewropej u Brittaniċi.
Is-Sala Muniċipali Vittorjana hija waħda mill-aktar binjiet arkitettorali emblematiċi ta' Manchester. Fit-torri tal-arloġġ tagħha, li huwa għoli 280 pied, tista' tagħti daqqa ta' għajn lill-parti interna tiegħu sabiex tammira t-tnax-il pittura fuq il-ħajt li juru l-aktar mumenti memorabbli mill-istorja ta' Manchester.
Il-belt ta' Manchester, li hija magħrufa bħala ġenna tal-art għal dawk li jħobbu x-xiri, toffrilek stabbilmenti tal-aqwa klassi u stabbilimenti kbar oħrajn li jinsabu f'Ardale Centre, Market Street, Exchange Square, Affleck's Palace u Trafford Centre. Jekk tħobb l-isport, Manchester tospita tnejn mill-akbar klabbs tal-futbol fl-Ingilterra, jiġifieri Manchester United u Manchester City. Il-grawnds ta' Old Trafford u City of Manchester Stadium jistgħu jintlaħqu mingħajr wisq diffikultà.
Minn Manchester ħarġu ħafna gruppi mużikali rinomanti: mill-Oasis sas-Simply Red, The Verve u t-Take That. F'Oxford Road tista' ssib diversi klabbs, pubs u takeaways, filwaqt li l-Printworks huwa post ta' divertiment b'ċinema Odeon. Jekk qed tfittex bars indipendenti b'atmosfera artistika, l-ideali għalik huwa n-Northern Quarter.
Wieħed ma għandux isib diffikultà biex mill-ajruport jasal saċ-ċentru tal-belt. Il-ferroviji lejn/minn Manchester Piccadilly jitilqu kull 10 minuti u jaslu fid-destinazzjoni tiegħek f'madwar 20 minuta.