Bristol

Bristol
Bristol, li hija l-akbar belt fil-Lbiċ tal-Ingilterra, hija mfawra bi storja tassew rikka. Din il-belt, li tinsab bejn Somerset u Gloucestershire, infirxet minn fejn jingħaqdu x-Xmara Frome u x-Xmara Avon sa ħdejn il-Pont ta' Bristol. Matul is-sekli sbatax u tmintax, Bristol kienet wieħed mill-akbar portijiet fid-dinja.
Filwaqt li tikkombina taħlita unika ta' storja, kultura u patrimonju, Bristol hija belt żagħżugħa u differenti li tattira nies minn madwar id-dinja kollha. Il-pajsaġġ impressjonanti u l-arkitettura Ġorġjana flimkien inixxu l-kreattività. Imdawra b'kosta mill-isbaħ, foresti u spazji ħodor miftuħa, Bristol tinsab biss siegħa u nofs 'il bogħod minn
Londra.
Jekk ix-xiri huwa fost l-attivitajiet favoriti tiegħek, allura hawnhekk ser ikollok xelta vasta minn fejn tagħżel. Il-Broadmead Shopping Centre iħaddan 400 ħanut, inklużi stabbilimenti kbar, ristoranti u pubs, filwaqt li wieħed jista' jsib ħwienet indipendenti u aktar speċjalizzati fi Christmas Steps, Park Street u Clifton Village.
Il-viżitaturi jistgħu jgawdu minn diversi għażliet bħal eskursjonijiet bid-dgħajsa, galleriji tal-arti u anki ż-Żoo ta' Bristol. Iż-Żoo ta' Bristol huwa l-aktar żoo provinċjali antik fid-dinja, tant li ilu miftuħ mill-1836. Fil-preżent, iż-zoo jospita aktar minn 450 speċi ta' annimal differenti, inklużi gurilli, iljuni Ażjatiċi, ipoppotami u pingwini.
B'akkomodazzjoni relattivament irħisa u għażla kbira ta' bars, ristoranti u ħwienet, din il-belt vibranti fin-Nofsinhar tal-Ingilterra tospita wkoll varjetà ta' xogħlijiet artistiċi, rappreżentazzjonijiet teatrali u mużika li tindaqq dak il-ħin. Fil-fatt, matul is-snin, eluf ta' nies żaru Bristol apposta sabiex ikunu jistgħu jgawdu x-xena mużikali tagħha. Fl-2010, Bristol ġiet ivvotata bħala l-aktar belt mużikali fl-Ingilterra.
Wieħed ma għandux isib diffikultà biex mill-ajruport jasal saċ-ċentru tal-belt ta' Bristol, hekk kif matul il-jum, kull għaxar minuti, jopera servizz iddedikat ta' kowċis, l-Airport Flyer Express Link.
Kemm jekk qed tfittex btala romantika jew avventura, Bristol tipprovdilek firxa fantastika ta' affarijiet li tista' tagħmel.