Moska

Moska
F'din il-belt maestuża, fejn kollox huwa possibbli, wieħed jista' jsib l-akbar bini fid-dinja u wħud mill-kaffetteriji li jbiegħu l-aktar kafè għali madwar id-dinja kollha. Moska, li hija meqjusa bħala l-aktar belt lussuża fid-dinja, għaddejja minn fażi li hija kkaratterizzata minn enerġija kreattiva li reġgħet bdiet toħroġ wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika.
B'popolazzjoni ta' madwar 13-il miljun ruħ, Moska kellha rwol fundamentali u ewlieni fl-iżvilupp tal-istat u l-istorja tar-Russja. Il-belt, li ilha mwaqqfa aktar minn 860 sena, għadha ġġorr il-marki tal-passat imperjali u Sovjetiku tagħha, filwaqt li hija mimlija mużewijiet u monoliti.
Dawk li qabel kienu fabbriki u mħażen issa qegħdin jintużaw bħala galleriji tal-arti u diskoteki taħt l-art, filwaqt li postijiet bħall-Mużew tal-Belle Arti ta' Pushkin qegħdin jespandu b'mod kostanti. It-teatri ta' Moska jagħtu ġieħ lil Tchaikovsky u Chekhov, filwaqt li jippromwovu wkoll il-kompożituri u d-drammaturgi promettenti.
Iżda dan mhuwiex kollox. Moska tospita diversi wine bars, kafetteriji attraenti, ristoranti tas-sushi u ħwienet tal-birra, kif ukoll diskoteki esklussivi, bars li jdoqqu mużika blues u kafetteriji b'esebizzjonijiet tal-arti.
Il-belt hija wkoll ġenna tal-art għal dawk li tinteressahom l-istorja. It-torrijiet mibnija bil-brikks aħmar tal-Kremlin jiddominaw Moska, filwaqt li knejjes u monumenti li jikkomemoraw il-battalji u l-eroj tal-gwerra huma mxerrdin mal-kapitali kollha.
Kemm jekk tippreferi s-subborg ta' Sergiyev Posad, fejn jinstab l-akbar monasteru fir-Russja, kif ukoll jekk tippreferi Snegiri, fejn seħħet il-Battalja ta' Moska matul it-Tieni Gwerra Dinjija, tista' ssib bosta postijiet li għandhom storja twila f'Moska u li allura ma għandekx titlef.
L-Air Malta topera titjiriet bejn Malta u żewġ ajruporti ewlenin f'Moska, li huma l-Ajruporti Internazzjonali ta' Sheremetyevo u ta' Domodedovo. L-aħjar mod biex tasal fiċ-ċentru tal-belt huwa li tuża l-ferroviji tal-Aeroexpress, li joperaw bejn l-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-metro u li jitilqu mill-ajruport kull 30 minuta.