Oslo

Oslo
B'kilometri ta' msaġar, il-belt kapitali tan-Norveġja Oslo hija fużjoni mħallta ta' arkitettura moderna kkombinata mal-istil impressjonanti tas-snin sittin tas-seklu li għadda. Din il-belt, li tista' tiġi esplorata l-aħjar bil-mixi, hija kburija bil-mużewijiet tagħha, id-divertiment eċċitanti li toffri u l-attivitajiet li jsiru fil-beraħ, li kontinwament jattiraw folol kbar ta' turisti.
Fil-qasam tal-arti, dan il-pajjiż huwa magħruf, fost l-oħrajn, għall-preżentazzjonijiet artistiċi magħrufa bħala The Scream tal-pittur lokali famuż Edvard Munch. Hawnhekk, it-turisti għandhom xelta vasta ta' mużewijiet minn fejn jagħżlu. Il-Gallerija Nazzjonali tal-Arti, il-Mużew ta' Munich, il-Holmenkollen Ski Museum u l-mużew tal-istorja tal-Vikingi tan-Norveġja huma kollha punti ta' interess.
Oslo hija belt kosmopolitana li qiegħda tiffjorixxi b'numru dejjem jikber ta' kafetteriji u ħwienet tax-xorb promettenti. Ir-ristoranti internazzjonali, ir-rappreżentazzjonijiet operistiċi, it-teatru u l-ġeneri kollha tal-mużika għandhom post prominenti fir-repertorju mużikali tal-belt.
Madankollu, wieħed mill-vantaġġi ta' Oslo huwa l-mod faċli kif tista' taħrab mill-istorbju tal-belt biex tgawdi u titpaxxa bin-natura. Oslo, li tinsab fil-quċċata tal-Oslofjord, hija waħda mill-akbar bliet kapitali tal-Ewropa, iżda b'waħda mill-iżgħar popolazzjonijiet.
Ir-residenti ta' Oslo jieħdu vantaġġ minn dan u jgawdu passatempi bħaċ-ċikliżmu, il-mixi fil-kampanja, l-ibburdjar u l-iskijjar, li kollha jistgħu jiġu pprattikati fil-limiti tal-belt jew wara vjaġġ qasir bil-ferrovija.
Il-belt kapitali Norveġiża, li għandha storja ta' 1000 sena, għandha veduti li jpaxxu l-għajnejn mill-Park tal-Iskultura ta' Vigeland, fost ħafna pajsaġġi xeniċi oħrajn. Għalkemm il-belt ta' Oslo tinsab fil-latitudni tat-tramuntana, il-klima tagħha hija pjuttost moderata grazzi għall-arja sħuna mbottata minn fuq l-Atlantiku mill-Kurrent tal-Golf.
Il-kumpanija AirMalta topera vjaġġi lejn Oslo minn Munich. L-Ajruport ta' Oslo għandu konnessjonijiet eċċellenti lejn u mill-ajruport. L-aktar mod veloċi biex tivvjaġġa saċ-ċentru ta' Oslo huwa bil-Flytogey, shuttle train li twasslek mill-ajruport saċ-ċentru tal-belt f'20 minuta. Servizz ieħor li huwa effiċjenti ħafna huwa dak ipprovdut minn ferrovija reġjonali li tgħaqqad l-ajruport ma' Oslo S. Il-vjaġġ prinċipali jieħu ftit inqas minn 25 minuta.