Ruma

Ruma
Dak li jnissillek tbissima dwar Ruma huwa l-fatt li din il-belt ma tieħux lilha nnifisha b'ħafna serjetà. Ruma għandha eluf ta' snin ta' storja miżmuma sewwa, ikel li jista' jitqies bħala fost l-aħjar fid-dinja, ditti ta' disinjaturi u tal-moda tal-aqwa klassi, madankollu, in-nies tal-lokal ftit li xejn jagħtu każ ta' dan - qisu xejn ma hu xejn.
Iċ-ċittadini Rumani, li dejjem issibhom imlibbsin pulit u eleganti u li l-hena tagħhom iduru fuq il-motorini tagħhom, jgħaddu minn ħdejn il-Kolossew jew jixorbu xi espresso fi Piazza Navona, huma kontinwament imdawra u bbombardjati bil-kobor ta' belthom, possibbilment minħabba l-istorja kbira ta' din il-belt tant famuża, jew minħabba l-fatt li ta' kuljum jinstabu skoperti arkeoloġiċi ġodda.
Għal dawk li jkunu qegħdin iżuru Ruma għall-ewwel, it-tieni u anki t-tielet darba u aktar, din il-belt kull darba toffri storja kompletament differenti. It-traffiku kull fejn tħares, il-monumenti u l-bini antik f'kull kantuniera, il-mużewijiet u l-galleriji tal-arti żgur ser jiġbdu l-attenzjoni tiegħek.
Bħalma ħa tgħidlek kull persuna li ilha żżur Ruma, l-aħjar ħin biex iżżur il-monumenti li jinsabu fuq barra tal-belt, bħal funtani, akkwadotti, funtani u l-fdalijiet storiċi huwa matul il-lejl - filwaqt li f'ċerti każijiet jaf ma jkollokx aċċess għalihom, għall-inqas tkun tista' tevita l-folol tan-nies u tikkonċentra l-attenzjoni tiegħek fuq is-sbuħija tagħhom.
Ma tistax tkun Ruma u ma żżurx il-Belt tal-Vatikan. Bil-volum enormi ta 'attrazzjonijiet li toffri din il-belt, bilfors ser ikollok tqassam iż-żjara tiegħek lejn il-Vatikan fuq aktar minn jum wieħed. Wieħed għandu jibda bi Pjazza San Pietru u l-Bażilika, li żgur ser timmeraviljak bil-kobor u bir-rikkezzi tagħha. Dan il-kapolavur Rinaxximentali huwa mżejjen b'arti tal-ifjen kwalità, inkluża l-Pietà ta' Michelangelo. Fost attrazzjonijiet oħrajn, wieħed isib il-Mużewijiet tal-Vatikan u, ovvjament, il-Kappella Sistina.
Fl-aħħarnett, inkunu qed nonqsu jekk ma nsemmux l-ikel. Ruma hija meqjusa bħala ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-ikel. Il-belt tgħix u tesperjenza l-ikel tagħha. Kemm jekk ikollok aptit xi ikla ħafifa jew xi ikla tajba f'wieħed mill-aqwa ristoranti ta' Ruma, l-ikel ta' din il-belt ma għandux għaliex jgħir għall-ikel ta' mkien. Ipprova platti favoriti bħal Vitello Saltimbocca, Gnocchi a la Romana jew Spaghetti alla Carbonara, jew inkella platti aktar avventurużi bħat-trippa (kirxa) u l-Coda alla vaccinara (Stuffat magħmul mid-denb tal-gendus).
Tipprova x'tipprova, ivvjaġġa lejn Ruma u esperjenza waħda mit-tradizzjonijiet antiki ta' din il-belt: ġelat ħdejn il-Fontana di Trevi.