Ateni

Ateni
Is-simboli tal-glorja mgħoddija tan-nazzjon Grieg jikkonverġu kollha madwar il-metropoli moderna u ffullata ta' Ateni. Huma numerużi u jiġbdu ħafna l-għajn, bħall-Partenon, li għadu wieqaf kburi sal-lum fuq l-Akropoli, jgħasses fuq in-nies ta' Ateni u jfakkarhom fil-kontribut imprezzabbli ta' belthom għal tista' tgħid dak kollu li d-dinja moderna tagħna llum tieħu bħala ovvju.
Kienu l-Atenjani tal-qedem li, matul l-Epoka tad-Deheb tagħhom, jiġifieri 2500 sena ilu, bdew jipperfezzjonaw id-demokrazija – xi ħaġa li għadna nitħabtu sabiex nipperfezzjonawha sal-lum. L-Atenjani għamlu kontribuzzjonijiet importanti kbar fil-filosofija, fl-arti, u fit-teatru. L-aktar ħaġa importanti għal dawk li jżuru din il-belt, dan il-wirt kbir huwa miżmum tajjeb ħafna.
Il-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali huwa post prominenti li wieħed ma għandux jitlef. Dan huwa l-mużew prinċipali ta' Ateni, li jkopri l-perjodu mill-preistorja sal-fażi aħħarija tal-antikità. Il-konċentrazzjoni ta' teżori Eġizzjani u Griegi antiki hija xi ħaġa li ma ssibx bħalha u li tagħmel lil dan il-mużew wieħed mill-iżjed importanti fid-dinja.
Il-mużew għandu kollezzjoni vasta, li tinkludi bosta xogħlijiet artistiċi, fosthom il-Maskra ta' Agamemnon, maskra funerarja maqtugħa fid-deheb, li huwa maħsub li għandha iżjed minn 3500 sena.
Filwaqt li l-Atenjani ma jistgħu qatt jevitaw il-legat tagħhom, huwa faċli biex wieħed jinsa li l-belt toffri ferm aktar mill-antikitajiet li hija tant famuża għalihom. Il-kapitali Griega hija waħda vibranti bi stil ta' ħajja kontemporanja. Minbarra l-mużewijiet u l-wirjiet, hemm ħafna aktar x'tagħmel f'din il-belt.
Dawk li jżuru Ateni jistgħu jqattgħu l-ġurnata jduqu l-varjetà kbira ta' ikel delizzjuż li toffri din il-belt, mil-Loukoumades (doughnuts Griegi bl-għasel u l-ġewż), għat-Tiropites (ikel tal-għaġina bil-ġobon), sas-Souvlaki (sfiefed ta' laħam jew ħaxix mixwi).
Għall-palat iżjed raffinat, f'Ateni ssib ukoll ammont ġmielu ta' ristoranti kontemporanji li jservu platti b'ideat ultra-moderni bbażati fuq il-kċina tradizzjonali Atenjana u Griega – hawnhekk, il-fattur bażiku huwa dejjem il-freskezza tal-ingredjenti, li qatt ma hija problema f'dan ir-reġjun.