Marsilja

Marsilja
B'kuntrast mal-bliet Ewropej Antiki tipiċi f'ħafna mill-itinerarji turistiċi, Marsilja tissostitwixxi l-faxxinu antik b'passjoni u enerġija. Id-divertiment ħaj ta' matul il-lejl, il-kafetteriji Boemi tul it-toroq tagħha, il-fanatiċi sportivi u sensazzjoni kosmopolitana jagħmlu Marsilja d-destinazzjoni ideali għal dawk li qegħdin ifittxu l-avventura.
Din il-belt, mibnija madwar port storiku, hija magħrufa bħala t-tieni belt ta' Franza, famuża għall-buillabaisse tagħha, Il-Konti ta' Montecristo, Le Marseillaise (l-innu nazzjonali Franċiż) u, naturalment, Zinédine Zidane.
Mixja madwar il-parti l-antika tal-port, bil-fortifikazzjonijiet imdawla tagħha u l-arbli telgħin u neżlin tad-dgħajjes tal-qlugħ, ir-riħa qawwija tal-frott tal-baħar twaqqa' fit-tentazzjoni anki lill-akbar stojku.
Hawnhekk, ir-ristoranti tal-ħut u tal-frott tal-baħar huma numerużi u kważi dejjem u kullimkien jiġi offrut il-famuż bouillabaisse – stuffat rikk tal-ħut servut bħala ikla ta' żewġ platti, l-ewwel il-brodu rikk (akkumpanjat bil-croutons bil-majoneż bit-tewm u r-rouille) segwit mill-platt prinċipali li jikkonsisti minn ħut u patata.
Il-koki tal-belt ħadmu iebes biex jipproteġu r-riċetta għall-platt Provenzal awtentiku, u sa anki ħolqu l-Karta tal-Bouillabaisse, li tispjega l-ingredjenti u l-proċess għal Bouillabaisse Marsiljana aċċettabbli.
Marseille hija belt multikulturali, b'komunitajiet ta' immigranti mill-Afrika ta' Fuq, minn xi partijiet tal-Mediterran u saħansitra mix-Xlokk tal-Ażja. Dawn l-influwenzi varjati jagħtu firxa dinamika lix-xenarju kulturali tal-belt.
Tpaxxa bix-xogħlijiet artistiċi meraviljużi fil-Musée des Beaux-Arts jew iddeverti sa ma jibda jisbaħ fi klabb tal-hip hop fejn ikun hemm mużiċisti lokali. Ixtri xogħlijiet awtentiċi tal-arti Afrikana mill-ħafna swieq miftuħa tal-belt jew ħu miegħek id-dar xi ftit mit-taħlita klassika ta' Herbes de Provence biex tħawwar il-ħaruf mixwi tiegħek.
Taħseb li dak l-eċċitament kollu huwa wisq għalik? Marsilja toffrilek bosta opportunitajiet biex tirrilassa. Ipprova kafè qawwi f'kafetterija, tħallat man-nies tal-post jaqraw l-aħħar riżultati sportivi jew ħu nagħsa f'wieħed mill-bosta ġonna tal-belt.
Iżda jekk trid tassew tirrilassa fl-istil tar-residenti ta' Marsilja, nissuġġerulek tintefa' xi mkien għall-kwiet fil-port, tixrob ftit pastis, waqt li toqgħod tosserva d-dgħajjes tas-sajd deħlin bil-qabda tagħhom.