Lyon

Lyon
Lyon, il-belt fejn twieldu l-aħwa Lumière u l-kapitali gastronomika de facto ta' Franza, hija belt Rumana antika b'sens komtemporanju deċiżament vibranti u ideali għal dawk li għandhom passjoni għal dak kollu li għandha x'toffri l-ħajja.
Ibda l-vjaġġ tiegħek mill-quċċata tal-Għolja Fourvière fil-Punent tal-parti l-qadima ta' din il-belt u assorbi l-panorama meraviljuża ta' Lyon kollha kemm hi. Huwa minn dan il-post fil-għoli li tasal tikkonkludi li, kif qal Denis Trouxe – President tal-Uffiċċju Turistiku ta' Lyon - “Lyon hija fuq skala umana – tista' tassorbiha kollha, madankollu, hija meraviljuża u armonjuża għall-aħħar.”
Għal dawk li jħobbu l-ikel tajjeb, Lyon għandha ħafna x'toffri. Il-possibbiltajiet tal-ikel ivarjaw mill-furnara fil-kantunieri, bl-aromi tagħhom ifewħu t-triqat u jħajru lil dawk kollha li jkunu għaddejjin b'ħobż frisk u ikel magħmul mill-għaġina, għall-istabbilimenti lussużi u għaljin ta' eċċellenza kulinarja.
Wara kollox, Lyon hija d-dar tal-kok ċelebri tan-Nouvelle Cuisine, Paul Bocuse, li huwa magħruf għall-fatt li daħħal in-Nouvelle Cuisine fid-dinja. Iżda kif intqal bosta drabi, tiekol x'tiekol f'Lyon u tieklu fejn tieklu, ser ikun tajjeb żgur, għaliex in-nies ta' Lyon huma bir-raġun kollu kburin bil-kċina tagħhom.
Fl-1998, Lyon saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO – rikonoxximent mistħoqq għal belt li l-istorja tagħha tinfirex fuq żewġ millennji u tinkludi eżempji fini ta' arkitettura Rumana, Medjevali u moderna.
Mill-Amfiteatru Ruman miżmum tant tajjeb, għat-toroq iċċangati Medjevali u pittoreski ta' Vieux Lyon, sal-Place Bellecour (waħda mill-akbar pjazez miftuħa fl-Ewropa), Lyon toffri lil dawk li jżuruha kull opportunità sabiex jassorbu l-faxxinu storiku tagħha.