Kopenħagen

Kopenħagen
Kopenħagen, li hija waħda mill-eqdem bliet kapitali tal-Ewropa b'laqta rjali, hija wkoll waħda mill-aktar bliet kapitali mfittxija fit-Tramuntana tal-Ewropa. Din il-belt, li hija kbira biżżejjed biex titqies bħala waħda metropolitana, taffaxxina lil ħafna għall-bosta opportunitajiet ta' xiri li toffri, il-kultura tagħha u d-divertiment ta' bil-lejl, madankollu, xorta huwa konsiderevolment faċli u mingħajr periklu li tivvjaġġa u tqatta' ħinek fiha.
Kulturalment u ġeografikament, Kopenħagen tinsab sewwasew fin-nofs bejn l-Ewropa kontinentali u r-reġjun distint tal-Iskandinavja. L-arkitettura moderna u d-disinn prima klassi jiltaqgħu flimkien biex jagħtu lil Kopenħagen dik id-dehra fantastika.
Hemm ħafna x'tesplora u x'tiskopri waqt li tkun f'Kopenħagen. Waqt li tkun miexi f'waħda mit-toroq ta' din il-belt, ser tibqa' mmeraviljat bil-mużika li toħroġ mill-kantini tagħha. Hawnhekk, il-kafetteriji u r-ristoranti b'kunċett ġdid ikunu mimlijin attività eċċitanti l-ħin kollu.
F'Kopenħagen, in-nies ma joqogħdux jistennew li jasal tmiem il-ġimgħa biex joħorġu jiddevertu. Issa saret moda wkoll li n-nies joħorġu f'nofs il-ġimgħa, fejn il-ħwienet tax-xorb u l-kafetteriji jkunu mfawrin bl-attività.
Il-kanali, il-pjazez bl-art iċċangata u l-ispiri tar-ram huma addizzjoni fantastika mal-patrimonju ta' din il-belt. Kopenħagen, li b'sens ta' kburija ilha l-belt kapitali tal-pajjiż għal madwar 400 sena, hija mibnija pjuttost fil-baxx, fejn fl-orizzont wieħed ma jara xejn ħlief ftit kampnari tal-knejjes.
Matul is-snin, il-belt kapitali kompliet tikber – miċ-ċentru storiku għal ħafna mill-binjiet storiċi, parks, pjazez pubbliċi u spazji ħodor tagħha.
Qatta' ġurnata fit-Tivoli Amusement Park, fejn hemm ir-roller coaster tal-injam magħrufa bħala Rutsjebanen. B'mod alternattiv, tista' tirkeb dgħajsa li tgħaddi mill-kanali tal-ilma u tgawdi tur tax-xatt jew inkella tieħu birra Daniża barra wieħed mill-ħwienet tax-xorb ewlenin li hemm tul in-Nyhavn Canal. Huwa possibbli wkoll li tagħmel ix-xiri tiegħek fiż-żona mingħajr karozzi ta' Stroget jew iżżur wieħed mill-ħafna mużewijiet tal-belt.
Hemm diversi għażliet disponibbli biex tasal fiċ-ċentru ta' Kopenħagen mill-Ajruport. Permezz tal-Metro, inti tista' tivvjaġġa mill-Ajruport lejn Kongens Nytorv saċ-ċentru ta' Kopenħagen fi 15-il minuta. Il-ferroviji jitilqu kull 20 minuta mill-Istazzjon Ċentrali ta' Kopenħagen u jaslu fiċ-ċentru tal-belt fi 30 minuta. Il-linji tal-karozzi tal-linja 12, 30, 36 u 250S jitilqu wkoll mill-ajruport u jagħmlu numru ta' waqfiet konvenjenti fi triqithom lejn Kopenħagen.