Praga

Praga
Praga għandha atmosfera mill-aktar romantika. Kemm jekk fil-kliem tax-xogħlijiet ta' Milan Kundera li jidwi tul it-toroq tal-belt, jew it-tifkiriet riċenti tal-kuraġġ tar-Rivoluzzjoni tal-Bellus, li waqqgħet il-ħakma Komunista, din il-ġawhra ta' belt Ewropea tħalli lit-turisti li jkunu ser jitilqu minnha b'xewqa kbira li jerġgħu lura biex igawdu l-ġmiel li toffri maġenb ix-xmara.
Il-Pont Charles – kapolavur Gotiku – jgħaqqad iż-żewġ nofsijiet ta' din il-belt, maqsuma mix-Xmara Vltava. Li taqsam dan il-pont antik tal-ġebel huwa parti minn waħda mill-aktar mixjiet pittoreski fl-Ewropa l-antika kollha kemm hi, mixja li tilħaq il-qofol tagħha fil-Kastell ta' Praga, li huwa l-akbar kastell fid-dinja b'erja ta' aktar minn 70,000 metru kwadru.
L-arkitettura unika ta' dan il-kastell hija influwenzata tista' tgħid minn kull stil prinċipali mill-bidu tiegħu iżjed minn 1000 sena ilu u l-kastell jibqa' wieħed mill-iżjed simboli kulturali importanti għar-Repubblika Ċeka kollha kemm hi. Id-dħul fil-kastell huwa mingħajr ħlas, iżda l-bosta esebizzjonijiet affaxxinanti li hemm ġewwa kollha għandhom il-ħlas tad-dħul partikolari tagħhom.
Żjara fi Praga ma tkunx kompluta mingħajr ma dduq xi ftit mill-pilsner famuża li tiġi offruta; wara kollox, din hija l-art minn fejn oriġina n-nektar tant famuż.
Din hija xarba għal qalb ħafna n-nies tal-lokal u jikkonsmaw ammonti kbar minnha servuta f'tazzi twal. X'aktarx li l-aħjar post biex tirrilassa b'tazza jew tnejn huwa fil-Pjazza l-Qadima tal-Belt, li tinsab fil-Lvant tal-Pont Charles.
Dan l-ispazju miftuħ wiesa' jikkuntrasta bil-kbir mat-toroq dojoq u mserrpin tal-belt u joffri lil min ikun għajjien minn xi mixja l-opportunità li jirrilassa u jgawdi l-ġmiel arkitettoniku tal-bini Gotiku u Barokk.
L-Arloġġ Astronomiku famuż ta' Praga jinsab ukol fil-Pjazza l-Qadima tal-Belt. Dan il-monument meraviljuż imur lura għas-seklu ħmistax, li jagħmlu l-eqdem arloġġ astronomiku li jaħdem fid-dinja. Matul dawn l-aħħar sekli, l-arloġġ ilu jpaxxi lil dawk kollha li jżuru din il-belt bid-daqq ħelu tiegħu kull siegħa.
Dawk li jħobbu l-arti żgur mhux ser jiddiżappuntaw ruħhom meta jżuru Praga. It-Teatru Nazzjonali tal-belt huwa istituzzjoni antika bi storja ta' sekli sħaħ li jippreżenta tliet dixxiplini: id-drama, iż-żfin tal-ballet u l-opri. Ir-Rudolfinum huwa awditorju mużikali u jospita l-Orkestra Filarmonika Ċeka. Dan il-bini neoklassiku jinkludi s-Sala Dvořák, li hija waħda mill-eqdem swali tal-kunċerti fl-Ewropa.