Brussell

Brussell
Brussell hija magħrufa b'mod ġenerali bħala l-belt kapitali tal-Ewropa, iżda minbarra li tospita l-istituzzjonijiet ċentrali tal-UE u l-Ewrokrati li jżuruha, hija destinazzjoni ideali għal dawk li jħobbu x-xiri, għall-entużjasti tal-istorja u għal dawk li jħobbu l-ikel u x-xorb tajjeb.
Brussell hija magħrufa sewwa għad-delikatezzi gastronomiċi tagħha. Il-ħwienet abbundanti taċ-ċikkulata fina għandhom iħajru wkoll lill-aktar vjaġġatur puritaniku.
Famużi għall-aktar pralini delizzjużi (Jean Neuhaus minn Brussell ivvinta l-pralina100 sena ilu), il-bejjiegħa tal-kreazzjonijiet ta' ċikkulata fina fil-belt qegħdin itellgħu dan il-prodott favorit qadim għal livelli għolja ġodda, b'togħmiet eżotiċi bħall-kardamonu, il-lavanda u l-frotta tal-fjura tal-Passjoni, iżda t-tentazzjoni ma tiqafx hemmhekk.
Brussell hija famuża wkoll għal pjaċiri oħrajn ta' togħma tajba, fosthom il-molluski, servuti fl-ikla famuża moules frites. U jekk jaqbdek l-għatx, Brussell għandha ħafna x'toffrilek – din il-belt tista' tiftaħar b'aktar minn 500 tip ta' birra minn fejn tagħżel. Aqsam magnum (3 litri) ta' birra unika lokali filwaqt li tirrilassa fil-Grand Place.
Għal dawk iżjed attivi, mixja madwar din il-ġawhra Ewropea tippermettilek li tesperjenza l-karattru veru tal-belt. Hawnhekk issib uħud mill-aqwa mużewijiet, fosthom ir-Royal Museum of Fine Arts tal-Belġju, b'aktar minn 2000 esebit li jinkludu l-ifjen kapolavuri Beġjani u Ewropej, fosthom xogħlijiet ta' Bruegel, Bosch, Rubens u Magritte.
Magritte Museum huwa mużew iddedikat kollu kemm hu għax-xogħlijiet ta' Magritte, li kien artist surrealist Belġjan. Id-dħul fil-mużew ikun mingħajr ħlas kull l-ewwel Erbgħa ta' kull xahar.
Jekk ix-xiri qiegħed fuq quddiemnett tal-aġenda tal-ivvjaġġar tiegħek, aqbeż qabża sa Avenue Louise, vjal sabiħ mimli siġar fuq iż-żewġ naħat famuż għall-ħwienet tiegħu. Dawk li qegħdin ifittxu li jagħmlu gwadann tajjeb jistgħu jerħulha għal hemm, fejn jistgħu jsibu kollox, minn arti sa oġġetti tal-kċina, iżda hija l-modista li hemm ġo fik li għandha ssib l-akbar pjaċir. Fuq kollox, din il-ġenna ta' ħwienet taħseb f'dawk li jħobbu l-aħħar moda u, għalhekk, hawnhekk ser issib l-aħħar xejriet tal-passarella kollha f'post wieħed.